Synopsis
Sponsored by the Alfred Mizzi Foundation. Kif inħarsu lejn Vassalli x’aktarx għadu mhux kristallizzat (u forsi qatt mhu se jkun). In parti, għax għadna ma nafux biżżejjed dwaru u, għaldaqstant, għadna ma nifhmux fis-sħiħ l-intent tiegħu, il-milieu soċjali li fih kien jaġixxi, u x’kien għaddej kemm minn wara l-kwinti kemm fuq livell ideoloġiku f’dawk iż-żminijiet. Kien hemm bosta kurrenti f’dik l-epoka – u diversi mudelli li setgħu nebbħu lill-Maltin: ngħidu aħna, il-Kunsill Popolari tal-Medju Evu (ukoll jekk forsi t-tifkira tal-Maltin ma kinitx storikament korretta, ir-realtà emozzjonali hi dik li tgħodd), il-mudell tar-repubblika aristokratika ta’ Ragusa (Dubrovnik), il-mudell massoniko-kummerċjali ta’ Marsilja. Agostino Formosa de Fremeaux, id-Dwanier tal-Gran Mastru u Konslu ta’ tlitt pajjiżi, hu ta’ importanza bla qies fil-ħajja ta’ Vassalli, mhux l-anqas minħabba fir-rwol ta’ bintu Caterina f’ħajjet Mikiel Anton. Fil-preżentazzjoni ser jinxteħet dawl fuq Caterina, abbażi ta’ evidenza primarja misjuba Franza u Malta, kif ukoll se tigi nkwadrata l-forma mentis ta’ Agostino f’dak li hu magħruf dwar il-Mażunerija hekk-imsejħa Skoċċiża ta’ Marsilja. Agostino Formosa de Fremeaux kien imdaħħal sew f’loġġa Maltija bint il-Loġġa Omm ta’ San Ġwann tal-Iskozja ta’ Marsilja. Il-preżentazzjoni se tkun imsejsa fuq dokumenti misjubin Franza kif ukoll dokumenti misjubin Malta u fuq tagħrif miksub direttament mil-Loġġa Skoċċiża ta’ Riċerka ta’ San Ġwann ta’ Marsilja li organizzat konferenza f’Lulju 2019 dwar Marsilja Massonika fis-Seklu tad-Dawl (Siecle des Lumieres) u dwar ir-rwol tal-loġġa oriġinarja li kienet attiva bejn is-snin 1750 u l-1814. Dil-loġġa kellha retikolat ta’ loġoġ bniet matul il-littoral kollu tal-Mediterran – Malta, Palermu, Salonikko, Smirna, Kostantinopli – waqt illi kellha dominju sħiħ fuq il-belt ta’ Marsilja. Għad li kellha saħħa ekonomika kbira, Marsilja ma kinitx kapitali reġjonali – dil-funzjoni kienet għaddiet għand Aix-en-Provence. B’danakollu, Marsilja kellha l-ambizzjoni – mitwielda mill-ideoloġija tal-kummerċ u tat-tbaħħir – li tkun il-kapitali tal-Mediterran. Għandi l-ħsieb ukoll li fil-preżentazzjoni nispjega t-terminu “Skoċċiż” fl-ambitu tal-Mażunerija, kif ukoll niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-loġġa Maltija, ftit wara r-Rivoluzzjoni Franċiża, fittxet li tidħol fil-ġurisdizzjoni tal-Gran Loġġa tal-Ingilterra. F’din l-ottika wieħed jista’ jittanta jifhem lil de Fremeaux, lil Mannarinu (kuġin mart de Fremeaux), lil Muscat (ukoll imħallat mal-familja ta’ Mannarinu), lil Testaferrata de Noto, u, ex necessitatis, lil Vassalli, li parrinuh kien Apap, ħu Apap li ħa sehem fl-Irvell tal-Qassisin. Fi ħsiebi wkoll li nsemmi lil uħud mill-Maltin li daħlu fil-Loġġa Ingliża mwaqqfa minn RW Wright malli Malta saret kolonja Ingliża, li wieħed minnhom kien qarib ta’ de Fremeaux. Inoltre, għandi l-ħsieb infisser ir-rabtiet bid-demm u/jew biż-żwieġ bejn ċerti personaġġi oħrajn u Vassalli u/jew uliedu. Fl-aħħar nett, nindika kif wieħed minn ulied Vassalli żżewweġ lil qaribtu minn de Fremeaux. Dawn tal-aħħar huma punti minuri fil-kwadru l-kbir, iżda huma indizji vitali biex wieħed jifhem ċerti ġrajjiet fl-aħħar snin ta’ ħajjet Vassalli, li setgħu inċidew fuq il-ħidma tiegħu fil-qasam tal-Ilsien Malti.
Speaker: Dr Mark A. Sammut
Vassalli fit-Turufnament: Il-Provi
Speaker: Dr Mark A. Sammut
Casa Lanfreducci, Valletta
Vassalli fit-Turufnament: Il-Provi